John
Aquilina
Leħnek il-Libsa Tiegħi
Nhar l-Erbgħa, 3 ta' Novembru, 2010,
fis-7.30pm fis-sala tal-mużika tal-Kavallier ta' San Ġakbu, se jitnieda
l-ktieb ta' poeżiji ta' John Aquilina, Leħnek il-Libsa Tiegħi, ippubblikat
minn Edizzjoni Skarta fl-2010, b'disinn tal-qoxra u tal-ktieb tal-artist
Pierre Portelli.
Il-ktieb, li għandu qoxra iebsa, jinsab għall-bejgħ għall-prezz ta' €12
mingħand
www.sierra-books.com.
Is-sens tal-ħin u tal-post, it-tifkira, id-dubju: dawn huma
l-preokuppazzjonijiet li minnhom jissawru dawn il-poeżiji. Siltiet
differenti, imma l-vjaġġ li tagħmel ir-ruħ hu wieħed.
Għal Immanuel Mifsud, “Dawn huma poeżiji tal-qalb li jien u naqrahom
ħassejtni diġà nafhom; ħassejtni qrib ħafna tagħhom, daqs li kieku kont
qrajthom qabel ma nkitbu. Fl-istess waqt, kull vers huwa esplorazzjoni
fil-mhux magħruf, skoperta sabiħa anki jekk tista' tweġġa'. U din hija
esperjenza rari. Il-kitba ta' John Aquilina tixbah lis-solitudni tal-bliet:
dik is-solitudni li tneżżgħek, taħbik f’xagħarha, tisqik id-dmugħ u tagħmlek
tagħha.”
Skont Oliver Friggieri, “Il-poeżiji huma ċari, suġġestivi, u jiżvolġu
l-ħsieb, is-sentiment, minnufih u b’mod li jolqot. Huma lkoll, jew kważi,
varjanti, ħielsa u awtonomi, ta’ motiv ewlieni wieħed, li jgħaqqadhom kollha
flimkien bħala ċiklu. Din hi ħaġa li għoġbitni ħafna. Ħadt pjaċir ukoll
bir-reqqa murija fit-tħaddim tal-metrika.”

Waqt it-tnedija se jinqraw għadd ta' poeżiji
mill-awtur u mill-attur Manuel Cauchi, waqt li Immanuel Mifsud se jagħmel
apprezzament kritiku tal-poeżiji.
John Aquilina twieled Ħ’Attard fl-1977. Studja x-xjenzi fil-Kulleġġ
ta’ De La Salle, il-Birgu, u mbagħad il-matematika fl-Universitajiet ta’
Malta, Cambridge u Bath. Beda jikteb il-poeżiji fl-1994, u xi xogħlijiet
tiegħu xxandru f’antoloġija, f’rivisti, fuq l-internet, u fuq ir-radju. Din
hi l-ewwel ġabra ta’ poeżiji tiegħu.
Il-poeżiji miġburin f'Leħnek il-Libsa Tiegħi nkitbu bejn 1994 u l-2009.